MALTA
DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI (Rapport Uffiċjali u Rivedut)
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT
Seduta Nru. 278
It-Tnejn, 8 ta’ Novembru, 2010
Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan Kamra tad-Deputati
MALTA
Prezz €2.50
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT
Seduta Nru. 278
It-Tnejn, 8 ta’ Novembru, 2010
Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament, il-Palazz, il-Belt Valletta, fl-4.01 p.m.
Talba
Seduta Nru. 278
It-Tnejn, 8 ta’ Novembru, 2010
WERREJ
MINUTI... 874
TQEGĦID TA’ KARTI... 874
MOZZJONIJIET
MOZZJONI DWAR IL-KUMPANIJA ARMS LTD...875
AĠĠORNAMENT... 921
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB...921
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 277 li saret fit-8 ta’
Novembru, 2010 ġew konfermati.
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Skont il-ftehim milħuq, il-ħin tal-mistoqsijiet ta’ din is- seduta mhux se jittieħed u l-mistoqsijiet li jidhru fuq l-aġenda qed jingħataw risposta bil-miktub.
Għaldaqstant ngħaddu għat-Tqegħid ta’ Karti.
Il-Ministru Gatt.
TQEGĦID TA’ KARTI
ONOR. AUSTIN GATT (Ministru għall- Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni):
Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Dokument dwar il-proċedura għall-għoti tal-ewwel 20 liċenzja ġdida ta’ taxi li se jinħarġu matul l-2010, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 21069;
f’isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra:
Lista ta’ kunsilli lokali li matul l-2010 kienu impenjati f’ħidma fil-qasam soċjali u fil-ħarsien tal-identità lokali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20618;
Tagħrif dwar attivitajiet kulturali organizzati mill-kunsilli lokali bejn l-1 ta’
Jannar u t-18 ta’ Ottubru 2010 bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20626;
f’isem il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal- Affarijiet Barranin inqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra:
Lista ta’ direct orders mogħtija mill- Ministeru tal-Affarijiet Barranin lill- kumpaniji Where’s Everybody, WE Productions u We Adverts bejn l-2000 u l-2010, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21024;
f’isem il-Minstru għal Għawdex inqiegħed fuq il- Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta’ studenti Għawdxin li jattendu fil-Campus tal- Imsida u dak t’Għawdex tal-Università ta’ Malta f’korsijiet undergraduate u postgraduate, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21081;
f’isem il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l- Familja qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar l-adozzjonijiet li saru bejn l- 2007 u l-2010, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 21126;
f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-Ewwel Skeda ta’ Regolament 36 ta’ S.L. 423.01 dwar ir-rati applikabbli għall-konsum tal-elettriku, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21071; u Tabella li turi d-dħul tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mis-service charge u mill-konsum fl-2009 flimkien mal- istima għas-sena 2010, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 21073.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali?
Mozzjonijiet.
L-Onor. Marlene Pullicino, għan-nom tal- Oppożizzjoni, jekk jogħġobha, tressaq Mozzjoni Nru. 172.
MOZZJONIJIET
MOZZJONI DWAR IL-KUMPANIJA ARMS LTD.
ONOR. MARLENE PULLICINO: Mr Speaker, f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni, nipproponi illi:-
Din il-Kamra -
TINNOTA li l-Korporazzjoni Enemalta u l- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fuq direzzjoni tal-Gvern, iffurmaw il-kumpanija ARMS Ltd, suppost biex tipprovdi servizz eċċellenti lill-konsumaturi billi ddaħħal sistema avanzata tal-informatika u, fost affarijiet oħra, toħroġ bi preċiżjoni, u kull xahrejn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’pajjiżna;
TOSSERVA li l-Gvern b’mod persistenti rrifjuta li jippubblika l-ftehim li saru biex jiġu installati meters tad-dawl u l-ilma li kellhom ikunu state of the art biex iwasslu għal monitoraġġ dettaljat dwar konsum tad-dawl u l-ilma bla bżonn li jinqraw mill-meter reader, flimkien ma’ servizzi relatati, liema kuntratt jiswa mill-anqas €70 miljun mill-flus tat-taxpayers;
TAGĦRAF li s-sistemi kkummissjonati mhux qed jagħtu r-riżultati mixtieqa skont kif maqbul, anzi qegħdin iwasslu għal taħwid eżaġerat u żbalji li jkomplu jitfgħu piżijiet kbar fuq iċ-ċittadini tagħna minħabba negliġenza u traskuraġni;
TITĦASSEB li għad hemm familji u persuni li qed jirrappurtaw li għadhom ma rċevewx il- benefiċċju tal-enerġija li l-Gvern tant ilu jsemmi, b’mod li qed jinħolqu problemi u piżijiet żejda għal dawn il-familji;
TIFHEM li n-nies fil-karigi għolja ta’ tmexxija ta’ ARMS Ltd. intagħżlu b’mod dirett mill- Ministru responsabbli.
F’dan il-kuntest, din il-Kamra:
TITĦASSEB li l-konsumaturi Maltin u Għawdxin qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’
servizz ta’ customer care minn ARMS Ltd li huwa ta’ livell baxx ħafna, kultant orribbli, tant
li wassal biex il-Prim Ministru nnifsu jammetti din il-problema u japoloġizza;
TIFHEM li apoloġija u wegħdiet ta’
investigazzjonijiet interni waħedhom mhux biżżejjed;
TAGĦRAF li t-tort ta’ dan is-servizz ħażin mhux tal-ħaddiema, li saħansitra ġibdu l- attenzjoni u qed jaħdmu bl-aħjar mod possibbli, iżda tat-tmexxija magħżula mill- Ministru responsabbli;
TIDDEPLORA li t-tmexxija ta’ ARMS Ltd lanqas kienet kapaċi taħseb minn qabel biex issib u tħejji post alternattiv fil-Belt Valletta minn fejn tkun tista' taqdi l-ħtiġijiet tal- konsumaturi;
TIDDEPLORA li t-tmexxija ta’ ARMS Ltd saħansitra lanqas kienet kapaċi tieħu ħsieb il- management tal-għeluq ta’ uffiċċju fil-Belt Valletta u għal xhur sħaħ konsumaturi qed ikollhom jgħaddu mill-inkonvenjent li jmorru Ħal Luqa biex forsi jinqdew, filwaqt li kien biss ftit ilu li tħabbar li fil-futur se jinfetaħ post ieħor fil-Blata l-Bajda;
TIDDEPLORA li dan il-fattur qed ikun ta’
inkonvenjent għal ħafna persuni li kellhom u qed ikollhom jieqfu mix-xogħol u mill-attività ekonomika tagħhom biex imorru jieħdu d- drittijiet tagħhom;
TIDDEPLORA li qed ikun hemm inkonvenjent kbir għal pensjonanti u persuni oħra b’diffikultajiet ta’ mobilità u mingħajr il- mezzi neċessarji, li qed ikollhom jaqbdu aktar minn karozza tal-linja waħda sabiex jaslu sal- uffiċċji tal-ARMS Ltd u jippruvaw jinqdew.
Għalhekk, din il-Kamra tar-Rappreżentanti ta’
Malta:
TIRRIŻOLVI li fi żmien mhux aktar tard minn ġimgħa mill-approvazzjoni ta’ din il- Mozzjoni, il-Ministru responsabbli:
Jippreżenta f’din il-Kamra l-ftehim iffirmati fir- rigward tal-provvista u stallazzjoni tal-ismart meters ġodda, u servizzi relatati;
Jippreżenta f’din il-Kamra Pjan ta’ Azzjoni għal kif se jiġi trattat il-ħruġ ta’ kontijiet u s-- servizz lill-konsumaturi għas-sentejn li ġejjin.
TIRRIŻOLVI li l-Awditur Ġenerali jiġi mitlub jinvestiga s-sitwazzjoni f’ARMS Ltd, b’mod partikolari:
Id-deċiżjoni u l-mod ta’ kif twaqqfet ARMS Ltd;
Il-mod ta’ kif ġew magħżula l-persuni f’din l- istruttura;
Ir-raġunijiet għaliex il-konsumaturi mhux moqdijin mis-servizz ta’ ARMS Ltd;
Kwalunkwe materja oħra fir-rigward ta’
ARMS Ltd li jħoss li hija pertinenti u fl- interess tat-taxpayers li tkun sollevata;
Jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa dwar ARMS Ltd.
TIRRIŻOLVI li wara li l-Awditur Ġenerali jippreżenta r-rapport dwar ARMS Ltd, isir dibattitu Parlamentari dwar is-sejbiet tiegħu.
TIRRIŻOLVI li l-Awditur Ġenerali jiġi mitlub jagħmel investigazzjoni sħiħa tal-aspetti kollha tal-kuntratt u tal-proġett tal-ismart metering u servizzi relatati, fejn jingħata mandat li:
Jeżamina t-tfassil u l-għoti ta’ dan il-kuntratt u jara jekk dan tmexxiex bl-aħjar mod possibbli;
Jeżamina jekk dan il-proġett tmexxiex u qed jitmexxa tajjeb skont dak li kien imwiegħed u ppjanat;
Jeżamina jekk il-Gvern hux qed jieħu l-value- for-money mistenni u mwiegħed f’dan il- proġett;
Jeżamina jekk il-mod kif qed jitmexxa dan il- proġett hux qed ikollu effett fuq il-korrettezza tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jintbagħtu lill-konsumaturi;
Jidentifika r-responsabbiltajiet politiċi u amministrattivi tat-tmexxija ta’ dan il-proġett;
Kwalunkwe materja oħra fir-rigward ta’ dan il- proġett li jħoss li hija pertinenti u fl-interess tat-taxpayers li tkun sollevata;
Jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa biex jittieħdu l-miżuri effettivi biex jittaffa l-piż li
ntefa' fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
TIRRIŻOLVI li wara li l-Awditur Ġenerali jippreżenta r-rapport dwar l-ismart metering u servizzi relatati, isir dibattitu Parlamentari dwar is-sejbiet tiegħu.
MR SPEAKER: Grazzi. Min jissekonda?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nissekonda.
MR SPEAKER: Skont il-ftehim milħuq, din il- mozzjoni għandha tieħu ħames sigħat bil-ħin jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema tal-Oppożizzjoni, bl-introduzzjoni u l- winding up għall-Oppożizzjoni.
Rimarki? Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH (Ministru tal- Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Mr Speaker, bil-permess tal-Kamra xtaqna nippreżentaw mill-ewwel l-emenda tal-gvern għal din il-mozzjoni.
MR SPEAKER: Hawn permess? (Onor.
Membri: Iva) Il-permess ingħata.
MR SPEAKER: Il-Ministru Tonio Fenech, jekk jogħġbu, jipproponi l-emenda.
ONOR. TONIO FENECH: Mr Speaker, nipproponi illi:
(a)Ħassar il-kliem kollu minn:
“Tinnota li l-Korporazzjoni Enemalta….
sa u inkluż
“jippreżenta f’din il-Kamra Pjan ta’ Azzjoni għal kif se jiġi trattat il-ħruġ ta’ kontijiet u s- servizzi lill-konsumaturi għas-sentejn li ġejjin.”
(b) Ħassar l-aħħar tliet paragrafi tal-Mozzjoni li jibdew bil-kelma “TIRRIŻOLVI” u ssostitwihom b’dan li ġej:-
“TINNOTA b’sodisfazzjon il-miżuri li ttieħdu riċentement li tejbu s-servizz offrut mill- ARMS Ltd.;
TIRRISOLVI li r-Rapport tal-Awditur Ġenerali meta jitlesta jiġi diskuss fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi”.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. AUSTIN GATT: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-Kap tal-Oppożizzjoni, on a point of order.
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal- Oppożizzjoni): Nixtieq nagħmel punt ta’
kjarifika. Jiġifieri qed nifhem li l-Ministru qed iħalli l-parti fejn tirriżolvi li l-Awditur Ġenerali jiġi mitlub jinvestiga s-sitwazzjoni f’ARMS Ltd.?
MR SPEAKER: Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Iva, qed naqblu.
MR SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Marlene Pullicino.
ONOR. MARLENE PULLICINO: Mr Speaker, fil-ġimgħat li għaddew rajna rappreżentant min- naħa tal-gvern, lill-Onor. Jesmond Mugliett, jagħmel l-istess mistoqsijiet, forsi mhux punto e virgola, li staqsejna aħna u li qed jistaqsi l-poplu.
Dan ifisser li anke saħansitra deputat min-naħa tal-gvern, li wisq probabbli huwa l-fomm ta’
oħrajn, jiġuh ċerti dubji. Ilkoll naqblu fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra li kien hemm bżonn li aħna nimxu mis-sistema riġida li kellna qabel li ma kenitx flessibbli biżżejjed għat-teknika li teżisti llum biex tiffranka flus il-poplu u biex il-poplu jkun moqdi aħjar. Biżżejjed ngħidu li 7% tat-telf mid-dħul tal-Korporazzjoni Enemalta kien minħabba raġunijiet li mhumiex tekniċi imma għaliex jew il-ħlas ma jinġabarx jew ma jinġabarx fil-ħin. Għandek 23% ta’ non-technical revenue f’water losses, jiġifieri l-Korporazzjoni għas- Servizzi tal-Ilma wkoll ma kenitx qed tieħu dak id-dħul li suppost huwa tagħha.
Hawn għadna qed insemmu biss in-non-technical losses li forsi sistema ta’ din ix-xorta konna nistennew li se ssolvielna. Qabel kellna 20% tal- kontijiet ta’ kull sitt xhur kienu joħorġu fuq stimi għax ħafna min-nies jaħdmu u meta kien imur il- meter reader ma kien isib lil ħadd. Kien hemm – u probabbli hemm iktar issa, imma nispjega iktar
‘il quddiem - €1 miljun li kienet nefqa żejda biex joħorġu l-kontijiet attwali u mhux estimi. Jiġifieri l-bżonn li ndaħħlu din it-tip ta’ sistema huwa ċar
daqs il-kristall. Fil-fatt ħafna jistaqsu għalfejn meta aħna ilna sena u nofs ngħidu li għandna bżonn indaħħlu din is-sistema ta’ smart meters, dan it-tip ta’ meter reading awtomatiku, u għadna ma daħħalnihomx minkejja li fadal madwar 9,000 meter fuq l-ixkaffa fl-istores tal-Korporazzjoni Enemalta li swew lit-taxpayer madwar €200,000.
Il-Partit Nazzjonalista li ilu fil-gvern għal 25 sena s’hemmhekk kien wasslu l-pjan? Ma kienx jaf li aħna rridu ngħaddu għal din is-sistema u kellu jonfoq flus il-poplu eżatt qabel ma ipprovajna ndaħħlu din is-sistema fuq meters li issa ġew abbandunati? Imma dawk issa għaddew, anke jekk il-poplu xorta jrid jibqa’ jħallas ta’ dawn l- iżbalji kollha li saru.
Mr Speaker, illum qed niddiskutu x’ħa il- konsumatur fil-preżent u x’qed jieħu bit- trasformazzjoni ta’ din is-sistema. Il-konsumatur illum huwa moqdi aħjar? Qiegħed iħallas it- tariffi kif ġie mwiegħed, jiġifieri fuq l-actual reading, fuq real time reading, kif ġie mwiegħed?
Il-konsumatur qiegħed ikollu dak il-kont ta’
darbtejn fix-xahar li jkun qrib ħafna ta’ dak li huwa eżatt biex il-konsumatur, in-negozjant u l- industrijalist ikun jista’ jippjana n-nefqa tiegħu?
Waħda mill-għanijiet bażiċi għal dawn it-tip ta’
sistemi hija li aħna nikkonsmaw l-elettriku f’ħinijiet tal-ġurnata differenti. Per eżempju, matul il-ġurnata fis-sajf l-enerġija tkun tiswa iktar lill-pajjiż, u b’din is-sistema nkunu nistgħu nirranġaw is-sistema tagħna biex ċerti appliances nixegħluhom bil-lejl fejn aħna nkunu nistgħu nibbenefikaw minn tariffi li jkunu aktar baxxi.
Din is-sistema wkoll kellha tkopri dan is-servizz.
Minn mindu ilha mwaqqfa l-ARMS Ltd u bdiet tiġi mplimentata din is-sistema l-konsumatur tagħna mhux talli ma bbenefika xejn talli għadna għaddejjin b’kontijiet ħafna drabi sfortunatament żbaljati, u żbaljati mhux fuq binarju wieħed imma fuq diversi binarji. Minħabba f’hekk l-ARMS Ltd.
li hija kumpanija bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed ikollhom jirrepetu l-ħidma ta’ dawn il-kontijiet fejn jidħlu complaints u dan qed jiswa lill-poplu flejjes kbar meta l-poplu diġà ħallas biex tiġi mplimentata is-sistema li għandu bżonn. Sa sentejn ilu kellna sistema li konna nafu li leaves much to be desired, imma issa bħala poplu ħallasna għal sistema ġdida u konna nistennew li f’qasir żmien din is-sistema tiġi implimentata u tibda titħaddem biex il-konsumatur jieħu l- benefiċċju kollu minnha.
Sur President, jiena ngħid li sfortunatament l- implimentazzjoni ta’ din is-sistema ħarġet zoppa mill-bidu. Għandek sitwazzjoni fejn biex din il- kumpanija ta’ importanza li qed tieħu ħsieb l- utilitajiet li huma l-backbone tal-ekonomija f’pajjiżna timpjega n-nies biex jimplimentaw din is-sistema lanqas biss ħarġet call for applications.
Jekk ħarġet, din ħarġet inkiss inkiss, ħadd ma jaf xejn, u qabdu u ntagħżlu erba’ min-nies mill- korporazzjonijiet li kien hemm. Hawnhekk wieħed jistaqsi dwar l-expertise, it-training u l- ħeġġa li kellhom biex huma jwasslu dan il-proġett fis-seħħ biex il-poplu jieħu l-benefiċċju tiegħu.
Hawn irrid ngħid li kemm il-ħaddiema f’livell maniġerjali u kemm il-ħaddiema f’livell inqas maniġerjali, dawk li jħabbtu wiċċhom mal-poplu, għamlu s-sagrifiċċju tagħhom, però mbagħad jibqa’ d-dubju dwar is-software li nkera – għax wara kollox dan huwa software li ġie mikri – huwiex dak li aħna ħallasna għalih, huwiex dak li aħna tlabna għall-pajjiż u li jista’ jagħtina l- benefiċċju li aħna neħtieġu. Jekk id-difett qiegħed fis-sistema allura inutli noqogħdu ngħidu għax il- ħaddiema ta’ fuq u għax il-ħaddiema t’isfel. Jiena konvinta li kieku l-ħaddiema ngħataw software kif suppost u kif ġie mwiegħed, kieku l-iżbalji mhux qed jibqgħu jirrepetu ruħhom.
Hawnhekk jiena nagħmel appell li biex innaqqsu l-complaints tal-poplu rridu nanalizzaw id-diversi saffi tas-sistema, naraw fejn huma l-problemi, naraw x’qed iwassal biex joħorġu kontijiet doppji u biex wieħed jirċievi kont u ma jirċevix voucher.
Dawn huma affarijiet li lill-poplu qegħdin jikkawżawlu trawma psikoloġika kbira. U qed jikkawżaw trawma mhux lill-poplu biss imma speċjalment ukoll lin-negozji li jridu aktar u aktar joqogħdu attenti kif se jqassmu l-flus biex jaraw jagħmlux investiment ieħor u jkabbru n-negozju tagħhom jew le. Jekk aħna mhux se nanaliżżaw is-sistema bis-serjetà, nieħdu responsabbiltà u naraw x’qed iwassal biex ġraw dawn l-affarijiet f’sena li ilha mwaqqfa din il-kumpanija li, anke issa għadhom għaddejjin bl-iżbalji, allura jiena nemmen li inutli noqogħdu naraw kif se nlaħħqu mal-complaints. Il-complaints għandna jekk jista’
jkun neliminawhom. L-ispjega lill-konsumatur hija importanti, kif huwa importanti wkoll it- taħriġ lill-ħaddiema, però wieħed irid jara li fil- verità dak is-software li aħna xtrajna minn flus il- poplu għal pajjiżna huwiex qed jaħdem kif aħna nixtiequ u nistennew li għandu jaħdem.
Mr Speaker, aħna l-fomm tal-poplu, u d-dwejjaq u l-inkwiet tal-poplu rridu nġibuh hawnhekk u naħseb ilkoll naqblu li għandha ssir investigazzjoni għaliex allaħares ma kellniex ħaddiema dedikati u li ma jaqtgħux qalbhom.
Kien hemm żmien fejn kienu jiġu kważi anke aggrediti min-nies u mill-queues kbar li kien hemm jistennew tant kemm ikkawżat problemi din is-sistema! X’kien jiġri kieku dawn il- ħaddiema qatgħu qalbhom? Kieku qatgħu qalbhom dan is-settur kien jikkrolla kompletament u ovvjament dan mhux imħammrilna wiċċna biss, mhux iġegħilna nidhru ferm koroh mal-barranin u man-nies tagħna, imma anke jitgerrxu dawk li qed jiġu jipprovaw jinvestu f’pajjiżna.
Jekk ma jkollniex sistema ta’ billing sew, kif nistgħu aħna nidhru serji u responsabbli biex niġbdu dak l-investiment li għandna bżonn lejn il- pajjiż? Allura llum jiena nitlob lin-naħa tal-gvern biex kemm jista’ jkun jiftħu moħħhom, jirrealizzaw u jammettu li din it-tip ta’ medjokrità fil-pajjiż ma tistax tibqa’ aċċettabbli. Ma jistax ikun li aħna nintroduċu sistemi ta’ tant importanza fil-pajjiż u nippermettu li għal dan it- tul ta’ żmien kollu minflok jagħtu dak li l-poplu ħallas għalih, jagħtu telf ta’ ħin, jagħtu telf ta’ flus u jagħtu telf ta’ sigurtà f’dan il-pajjiż. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? Il- Ministru Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Mr Speaker, id- diskussjoni kollha dwar ARMS Ltd tfakkarni ftit kif ħafna drabi konna nibdew meta nitgħallmu l- Filosofija. Kelb għandu erba’ saqajn, qattus għandu erba’ saqajn, mela kelb huwa qattus. L- iskola Sofista kienet timxi b’dak il-mod u qed nipprovaw insibu soluzzjoni għal problema jew niddiskutu l-problema billi nikkonċentraw fuq l- iktar ħaġa li m’għandniex bżonn nikkonċentraw fuqha, li hija l-formazzjoni ta’ kumpanija li m’għamlet ebda differenza għal dak li ġara per se.
Anzi ħadt gost ħafna bl-ewwel kelliema illum, ma qbiltx f’kollox magħha, imma almenu ffukat fuq verament waħda mis-sorsi li tista’ tkun tal- problema, u mhux il-kumpanija per se. Imbilli twaqqfet il-kumpanija m’għamlet sinċerament ebda differenza għar-riżultat. Ir-riżultat kien jiġri indipendentement jekk kienx hemm ARMS Ltd.
jew jekk bqajniex naħdmu bis-sistema li kien hemm qabel. Din il-kumpanija fl-aħħar mill-aħħar hija ffurmata 50% mill-Enemalta u 50% mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u hemm is-
CEO tal-Enemalta bħala Direttur u hemm is-CEO tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħala Direttur. Din l-unika differenza li għamlet il- kumpanija per se.
Indubbjament li kien hemm problema u m’hemm assolutament ebda kontestazzjoni li kien hemm problema, li niġi biex nespandi fuqha iktar tard, però din ma kenitx it-twaqqif tal-ARMS Ltd. Tant hu hekk li kif bdejna dan id-dibattitu l-Ministru Fenech ippreżenta emenda li qaltilna li aħna m’għandna ebda problema ta’ xejn li l-Awditur jiġi kkummissjonat minn dan il-Parlament li jagħmel rapport biex jara l-ARMS Ltd. kif ħadmet u kif qed taħdem u x’miżuri qed tieħu biex tiżgura – li naħseb hija l-iktar ħaġa importanti – biex dak li ġara ma jirrepetix ruħu u jara jekk hemmx responsabbiltajiet, jara jekk tmexxietx kif għandu jkun u fejn kien hemm nuqqasijiet. Il-fatti mhumiex kontestati qua fatti, però hu kontestat il-fatt li qisu dan ġara għax saret ARMS Ltd.
L-analiżi vera tas-sitwazzjoni kienet iktar kif qalet l-Onor. Marlene Pullicino. L-ewwel ħaġa tajjeb naraw - u anke hawnhekk apprezzajt dak li qalet l-Onor. Marlene Pullicino – għaliex sar il-proġett tal-ismart grid. Sar il-proġett tal-ismart grid għal ħamsa u sitt raġunijiet li wħud minnhom semmiethom l-Onor. Pullicino, u kienet korretta immens. L-ewwel u qabel kollox sar biex neliminaw l-unaccounted for losses fl-elettriku, li jiġu kawżati jew mill-meter li ma jkunx qed jaħdem jew ikun under registering, jew ikun hemm is-serq tal-elettriku. Issa jekk inti ma tibgħatx meter reader ma tkunx taf li qed jaħdem, u b’16-il meter reader biex jaraw 250,000 meters madwar Malta u Għawdex ma tantx għandek ċans li tmur tarahom spiss.
Dak kien jammonta għal 7% telf tal-billing li konna nagħmlu, ekwivalenti għal €23 miljun, li jfisser li ħaddieħor kien qed iħallas għal dawk it-
€23 miljun. Għalhekk ridna meters li la jistgħu jiġu mbagħbsa u li jekk jieqfu jirreġistraw, mill- ewwel tiġi recorded permezz tal-ismart grid.
Ladarba s-sistema tibda taħdem l-Enemalta awtomatikament, għaliex għandha dawn il- meters, tirkupra €23 miljun li jfisser li għandek il- possibbiltà li tintervjeni fuq it-tariffi u li jfisser ukoll li tnaqqas drastikament il-flus li għandek bżonn tissellef mill-banek minħabba l-cash flow tiegħek, u allura tintervjeni fuq it-tariffi doppjament.
Differenti għal dak li qalet l-Onor. Marlene Pullicino, aħna dejjem għedna li biex nagħmlu l- ismart grid kollha rridu tliet snin. S’issa għaddew disa’ xhur u baqgħalna sentejn u tliet xhur biex is- sistema tiġi sħiħa. Din tagħti r-riżultati meta tkun sħiħa, u għalhekk mhumiex online għalissa. Jiena l-ewwel wieħed li nsistejt li jkolli smart meter id- dar bħala ministru dak iż-żmien responsabbli, biex ma jgħidux li dan twaħħal għand ħaddieħor u għandi ma twaħħalx, però xorta għad irid jiġi jaqrah il-meter reader għaliex għadu mhux ikkomunikat mal-ismart grid. L-ewwel u qabel kollox is-sistema tal-meters u l-billing, apparti l- iSCADA - però dik hija parti differenti tas- sistema - ġiet tiswa bejn €64 miljun u €66 miljun, li jfisser li fi tliet snin nirkupraw il-cost tagħha kollu meta din għandha write off ta’ madwar 20 sena. Ara kemm hi ta’ siwi għal pajjiżna!
Mela l-ewwel niffrankaw €23 miljun fis-sena u t- tieni noqtlu l-kontijiet “stima” li jinħarġu. Qalet sew l-Onor. Marlene Pullicino dwar il-garr dwar l-istimi. Kulħadd jargumenta li għandu jkollu l- stimi kull xahrejn u aħna nibagħtuhom kull sitt xhur jew kull erba’ xhur. Ladarba din is-sistema tiġi implimentata m’hemmx iktar stimi. It-tielet raġuni għaliex din is-sistema hija tajba hi t- trasparenza tas-sistema, għaliex meta tkun qed taħdem is-sistema kollha - mhux biss bħali llum, nagħfas buttuna u naqra bejn ġurnata u oħra kemm ħlejt - imma minn fuq il-mobile phone tiegħek, minn fuq il-PC tad-dar, taqra siegħa siegħa kemm qed taħli elettriku. Jekk trid tista’
ddaħħal gadget żgħir u tara kamra kamra u siegħa siegħa. Jiġifieri hemm trasparenza sħiħa għall- klijent biex ikun jaf fejn qed jonfoq il-flus tiegħu.
Ir-raba’ vantaġġ huwa dak li semmiet l-Onor.
Pullicino li ddaħħal it-tariffi differenzjati, it-tariffi ta’ bil-lejl kontra t-tariffi ta’ filgħodu, it-tariffi għal min juża ċertu tip ta’ elettriku kontra ċertu tip ta’ elettriku ieħor, it-tariffi tal-business jew tal- heavy user industrijali li llum ma nistgħux nagħmluha għaliex m’għandniex smart grid. Il- ħames vantaġġ – u forsi importanti ħafna dan, u ma ntogħġbitx mill-meter readers li se jiġu aboliti u se jingħataw xogħol x’imkien ieħor u l-effetti ta’ wieħed minnhom nafu x’inhu fuq il-Ministru Fenech imma m’għandix għalfejn nespandi – hu li issa m’għandniex bżonn iktar il-meter reader imur iħabbat id-dar u, kif qalet l-Onor. Pullicino, ma jsibekx, għaliex kull sekonda, dak li inti qed tikkonsma huwa moqri mis-sistema ċentrali. Il- vantaġġ huwa li jekk xi ħadd jibqa’ ma jħallasx, jien nista’ naqtagħlu off line! Anzi hemm vantaġġ
ikbar minn dak li jiena nirrakkomanda li, eventwalment meta niġu għaliha, il-Gvern jaddotta.
Is-sistema tagħtik il-kapaċità illi titfi l-high amperage u tħalli l-low amperage. Dan xi jfisser?
Jien naħseb fid-dinja tal-lum mhux sew li naqtgħu d-dawl fid-dar kollha, speċjalment residenzjali.
Din is-sistema tagħtik il-vantaġġ li, per eżempju, tista’ tħalli dak li huwa bażiku, id-dawl tal-bozoz, però jekk hemm airconditioner, jekk hemm fridges li jużaw ħafna elettriku, jekk hemm affarijiet oħra li tista’ tgħaddi mingħajrhom, taqtagħlu dawk waqt li tħallilu d-dawl bażiku tiegħu u dan tagħmlu kollox remoted. L-aħħar vantaġġ x’inhu? L-aħħar vantaġġ hu li jekk taqra l-letteratura kollha li hawn fuq ir-riduzzjoni tal- emissjonijiet, f’kull fora, f’kull ktieb u f’kull studju jgħidulek li huwa kruċjali li jkollok smart grid. Jekk m’għandekx smart grid diffiċli ħafna biex tikkontrolla l-emissjonijiet. Almenu mill- introduzzjoni li għamlet l-Onor. Pullicino jidher li ż-żewġ naħat qed jaqblu li dawn huma vantaġġi veru għal pajjiżna u li sistema bħal din jaqbel li tinvesti fiha. U allura jekk qbilna fuq l-ewwel pass, ejja nipprovaw inkomplu l-proċess. Il- proċess kif sar?
Fis-7 ta’ Novembru, 2005 ħarġet dik li jgħidulha l-contract notice, jiġifieri avviż internazzjonali, pubblikat fuq livell tal-EU biex min hu interessat jesprimi l-interess tiegħu biex eventwalment jitfa’ l-offerta. Daħlu tmien applikazzjonijiet, sar evaluation board u ġew kwalifikati seba’
konsorzja differenti. Fil-11 ta’ Diċembru, 2006, jiġifieri sena u xahar wara, ħarġet ir-request for proposals, però għalkemm kien hemm sebgħa li ġew kwalifikati, kien hemm kumpanija waħda biss li tefgħet it-tender, li kienet l-IBM. Ma naħsibx li għandi bżonn nintroduċi l-IBM. Is- software, dak li semmiet l-Onor. Pullicino, mhux krejnieh u mhux mixtri off the shelf għax ovvjament irid jiġi disinjat għalina.
Dan huwa IBM certified, imma għax huwa IBM certified ma jfissirx li m’għamluhx żbaljat.
Evidentement għamlu żball u m’hemm ebda dubju dwar dan. Però ma qabbadniex lil Ġanni Borg ta’ wara l-kantuniera biex jiktbilna s- software! Qabbadna lill-IBM! Ma naħsibx li hija għażla li tista’ tiddiskuti fuqha apparti li kellu recurrent error. Min kien is-subcontractor fuq l- enterprise software u l-cash, jgħidulu teknikament meter to cash? Is-subcontractor kien l-SAP, kumpanija Ġermaniża, l-ikbar kumpanija
ta’ databases u utility software fl-Ewropa. Din m’hemmx ikbar minnha! Jiġifieri kellna żewġ kumpaniji li għandhom reputazzjoni dinjija jaħdmu fuqha.
Mr Speaker, għamlu l-iżbalji? Dażgur li għamlu l-iżbalji! Mhux ovvja li għamlu l-iżbalji! Però żgur li s-selection process ma kienx tali li tgħid li xi ħadd ipprova jdaħħal lil xi ħadd biex jagħmel xi ħaġa. Assolutament le! Probabbilment kellna l- aħjar żewġ kumpaniji fid-dinja f’dan il-qasam.
Apparti li lanqas kellna choice lil min nagħżlu għaliex kellna biss l-IBM illi applikaw, u kienu l- IBM li ddikjaraw bħala subcontractor tagħhom lill-SAP, għax f’dan il-qasam partikolari l-SAP għandhom iktar esperjenza diretta mill-IBM anke għaliex il-meters li qed jintużaw huma tal-Enel.
Il-meters ma daħlux fil-problema tal-kontijiet żbaljati li mhux qegħdin on line. Il-meters, kont qed ngħid, huma tal-Enel.
l-SAP ilhom jaħdmu fuq software ta’ dawn il- meters għal ħafna żmien, u għalhekk ġew nominati bħala subcontractors mill-IBM. L-Enel huma wkoll subcontractors tal-IBM għax it- tender kienet magħmula b’mod li tippreżentah f’pakkett wieħed biex ma jkollniex tlieta jew erba’ kuntratturi kulħadd iwaħħal f’xulxin. L- għażla ma naħsibx li tista’ tiġi faulted, li kellna xi diffikultà f’min nagħżlu jew kellna xi diffikultà fuq ir-reputazzjoni tan-nies. Kellna l-IBM bħala contract managers u bħala solution providers, kellna l-SAP bħala s-software providers tal- packages kollha differenti, kellna l-Enel bħala l- providers tal-meters, u kellna l-kumpanija SCADA bħala l-providers tas-software tekniku li jmur fis-substations, fuq il-linji u tagħmir ieħor.
Il-kumpanija SCADA ilna naħdmu magħhom, u għal min ma jafx huma exceedingly well renowned fid-dinja kollha. Dawn jipprovdu software u hardware biex min bażi ta’ substation
‘il fuq ikollok il-possibbiltà li tkun tista’
timmoniterja outputs, inputs, eċċetra. Il- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l- Enemalta ilhom jaħdmu magħhom snin twal u taw riżultati tajbin ħafna. Mela kellna erba’
kumpaniji well renowned li ħadu dan il-kuntratt bejniethom, jikkappeġġjaw u jiffrontaw dejjem l- IBM. Billi kellna tenderer wieħed u allura your room for manoeuvring huwa kemm kemm ristrett, appuntajna lill-PricewaterhouseCoopers biex jagħtuna rapport fuq żewġ affarijiet.
L-ammont mitlub huwa fair and reasonable market cost? Jiġifieri indipendentement mill- IBM, kieku kellek tipprova tagħlaq ma’ ħaddieħor – xi ħaġa li ma stajniex nagħmluha – kien fair and reasonable fuq kemm għalaqna? Huma talbu, u nista’ ngħidha għax kienet pubblikata,
€155 miljun. Għalaqna, bl-iSCADA b’kollox, jiġifieri mhux biss fuq il-kuntratt tal-billing, bil- hardware kollu li m’għandu x’jaqsam xejn, għal madwar €85 miljun, jiġifieri €70 miljun inqas milli talbu huma. PricewaterhouseCoopers tawna rapport li dan huwa a fair and reasonable market cost. It-tieni, on a cost benefit analysis jaqblilna nidħlu għal dan il-kuntratt? Il- PricewaterhouseCoopers qalu li jaqblilna nidħlu għal dan il-kuntratt.
It-tielet, għamlu biċċa xogħol oħra. They benchmarked against other utility systems f’pajjiżi differenti biex jaraw jekk il-
benchmarking joħroġx tajjeb. U
PricewaterhouseCoopers irrakkmandaw ukoll li l- benchmarking joħroġ tajjeb. Naħseb mil-lat ta’ kif innegozjajna fiċ-ċirkostanzi fejn kellna ninnegozjaw bir-reputazzjoni ta’ min kien qed jiġi negozjat, huwa ftit diffiċli tgħid lill-Gvern li f’dan il-każ ħa żball. Lanqas żball ġenwin ma naħseb li ħa. Sinċerament ma naħsibx li ħa żball. Jiena kont il-ministru responsabbli u allura l-aħħar wieħed li għandi niġġudika, biex inkun ċar, però meta jien qed ninnegozja ma’ IBM, SAP, Enel, SCADA u PWC huwa ċertifikat li fejn konna qed naslu, mid-dehra konna qegħdin tajjeb. Mela naħseb li l- konklużjoni tal-kuntratt, li kien it-tieni pass, kien tajjeb.
It-tielet pass kien il-proċess li indubjament – u nerġa’ ngħid – kellu problemi. Imma x’kien il- proċess? Għax kulħadd faċilment jgħid li ħarġu l- kontijiet bil-problemi, però nixtieq li kulħadd japprezza – għalkemm ħadd ma japprezza – li diġà kellna sistema miktuba fis-snin sebgħin b’ħafna patches li saru wara, b’lingwi li parti minnhom għadhom lanqas jinkitbu. It-tfal tagħna llum li joħorġu mill-Università lanqas jafu x’jiġifieri. Din ridna at one stage naqilbuha għal sistema li hija totalment ġdida u moderna. U f’dawn it-tip ta’ data transfers, li tikkorrompi d- data mhix xi ħaġa problematika. Imbagħad iddaħħal u tivvalida u fis-sistema l-ġdida jkollok il-problemi. Dawn il-problemi huma parti mir- riskju li inti tieħu. Imma x’kien il-proċess?
F’Diċembru ġie trasferit mid-database l-antika għad-database il-ġdida u f’Jannar u Frar dik ġiet
validata u jidher li ma kienx hemm problemi f’dan il-każ. Ġie migrated madwar 280,000 kont differenti, però ovvjament kull kont kellu history warajh, u allura l-ammont ta’ data hija massiva ħafna. Il-validazzjoni ta’ dik id-data u l-proċess tal-bills kien ongoing minn Frar ‘il quddiem. Iktar
‘il quddiem nagħti informazzjoni li turi x’ġara u meta ġara. Però, biex niżguraw li kemm jista’
jkun umanament possibbli jsir double checking, l- ARMS Ltd. ikkuntrattat il-KPMG li taf intimament is-sistemi l-antiki biex jivvalidaw kull proċess, u l-proċess ma bediex jintuża qabel ma ġie validat mill-KPMG.
L-ARMS Ltd., biex tipprova tara li kemm jista’
jkun tnaqqas il-possibbilità, ġabet external auditor biex tgħidilha jekk jidhirx li dan il- proċess qed isir tajjeb u allura nistgħu mmexxu.
Kulħadd fallibbli fid-dinja, u fi proċessi simili - imbagħad ngħid x’inhu l-livell tal-iżbalji – dawn l-affarijiet sfortunatament wieħed ma jaħrabhomx. Niftakar meta qlibna s-sistema tal- pensjonijiet. Il-ministru ta’ dak iż-żmien kien il- Prim Ministru, u għamilna sitt xhur naħdmu b’żewġ sistemi u kien hemm żbalji kontinwament sakemm tissettiljalek is-sistema. F’dawn it-tip ta’
eżerċizzji massiċi huwa inevitabbli li jiġri hekk.
X’kienu l-iżbalji? Hawnhekk għandi breakdown tal-ammonti. Minn Jannar sa Ottubru ħarġu 889,117 kontijiet. Reversals li mhux kollha jkunu żbalji - imma ejja ngħidu li huma kollha żbalji - minnhom kien hemm 47,841 żbalji. Jiġifieri bejn Jannar u Ottubru l-failure rate kienet ta’ 5.3%.
Jekk tarahom xahar xahar, f’Jannar u fi Frar prattikament xejn, f’Marzu beda xi ħaġa u l-agħar kienu f’April, f’Mejju u f’Ġunju. F’April kien hemm 12.3%, f’Mejju 14.8%, f’Ġunju 8.1%, imbagħad jinżel għal 2.0%, reġa’ tela’ kemm kemm fAwwissu u Settembru, u f’Ottubru reġa’
niżel għal 1.2%. F’għaxar xhur kien hemm 5%
tal-kontijiet li ħarġu ħażin. Din hija l-entità tal- problema! L-entità tal-problema m’għandha x’taqsam xejn per se mal-kumpanija. Għal min ma jiftakarx, il-kumpanija għaliex saret?
Qabel fil-liġi kien hemm section f’wieħed mir- regolamenti li kienet tipprovdi li l-Water Services Corporation tieħu ħsieb il-kontijiet anke tal- Enemalta. L-Enemalta – u dan jiftakru kull ministru anke Laburista li kien tal-Enemalta – kienet dejjem voċifera u tgorr u tgħid li mhux sew li l-Water Services Corporation jieħdu ħsieb il- kontijiet tagħhom, li huma m’għandhom l-ebda say, meta l-billing huwa 90% tal-Enemalta u
mhux tal-Water Services Corporation. Allura biex inbiddlu din is-sistema, inħolqot kumpanija biex huma jkollhom say. Dan kulma ġara! Il-bqija min kien wara t-telephone baqa’ wara t-telephone, min kien joħroġ il-kontijiet jew jistampa l-kontijiet baqa’ jistampa l-kontijiet, u l-massa tan-nies li hemm fil-call centre u fil-printing tal-kontijiet hemm kienu u hemm baqgħu!
L-uniċi nies li tbiddlu jew żdiedu huma erba’
executives li nista’ nassigurakom li m’għażilthomx jien. Ma jinteressanix li nagħżilhom jien! Erba’ executives li naħseb li min jaħdem fil-Gvern u anke min ħadem fi żmien il-Partit Laburista jafhom. Huma erba’ executives li direttament m’għandhomx x’jaqsmu. Naħseb hawn naqbel ukoll mal-Onor. Pullicino. Ħadd minnhom ma mar jagħfas buttuna apposta biex joħroġ il-kontijiet ħżiena! Kieku tgħid lili mingħajr m’għamilt ebda eżami, malajr nista’
ngħidlek preċiż, però l-problema qiegħda x’imkien fis-software. M’għandi kważi l-ebda dubju li huwa hekk, jew inkella għandhom numru ta’ input problems. Dak ikollhom dejjem. Dik hija normali, imma bażikament hemm xi ħaġa fis- software which has not been validated well.
Dak li qed joħroġ ħażin, Sur President. Hija inġusta li f’daqqa waħda nipprovaw ngħidu li dan ġara għax kien hemm erba’ min-nies ġodda ma’
100 li baqgħu hemmhekk u allura huwa t-tort ta’
dawn l-erba’ min-nies! Ma naħsibx li jixraq, anke lilna, li nirraġunaw b’dan il-mod, għax hija ovvja x’ġara hawnhekk. Id-database changeover jidher li kienet valida u ma kienx hemm problema tant li f’Jannar u fi Frar meta saret iċ-changeover tad- database, ir-reversals tal-kontijiet kien zero. Nafu li beda proċess ieħor tal-billing, u meta bdew ħerġin il-kontijiet bdew jirriżultaw kontijiet żbaljati, mhux kullimkien, imma f’ċertu tip ta’
kontijiet li issa għandhom jindikaw fejn qiegħed jiġri l-iżball fis-software.
Huwa evidenti li it is a problem which is either software oriented or processing oriented li hija responsabbilità kuntrattwali tal-aħjar żewġ kumpaniji li stajna nsibu, tal-IBM u tal-SAP.
Tgħiduli: Dawn jiżbaljaw? Dażgur li jiżbaljaw! L- ewwel darba li żbaljaw! Però ma naħsibx li għandna nistagħġbu. Fil-fatt nista’ nsemmi ċifra oħra. Fl-2009 il-Water Services Corporation kienet toħroġ average ta’ 66,000 kont kull xahar.
Issa qed joħorġu 80,000 kont fix-xahar. Dik l- effiċjenza diġà bdejna nakkwistawha, però iktar ma toħroġ kontijiet, jekk għandek żball x’imkien
fis-software, ovvjament se jirrepeti ruħu ħafna iktar.
Tgħiduli: Dawn l-iżbalji ma jinqabdux?
Sfortunatament ma nqabdux, però sinċerament ma nemminx li hemm xi ħadd hemmhekk li qed jipprova b’xi mod inħawwad din is-sistema biex idejjaq lin-nies. Għandi fiduċja sħiħa fin-nies li qegħdin jipprovaw jagħmlu proċess li mhux faċli, li rriżulta f’5% żbalji li jalla ma rriżultawx, però lanqas nistagħġeb li rriżultaw. L-ekwivalenti tal- IBM, it-top man tagħna li ġej mill-MITA u nominat minna huwa persuna li għandi fiduċja fih għax fl-antik ipprova lilu nnfisu għax kien f’postijiet oħra delikati li wettaqhom b’mod tajjeb. Huwa persuna organizzatissima, persuna li taf tirrapporta, persuna li flimkien mal-persuna top man tal-IBM iridu jiddeliverjaw sistemi - jiddeliverjaw l-IBM u niċċertifikaw aħna - li jagħmlu sens. Allaħares nibda niffissa li għax dak hekk u għax dak hekk!
Sinċerament nemmen li kulħadd għamel l-aħjar li seta’, però fil-proċess kumplikat tal-IT hemm livell ta’ żbalji li setgħu jirriżultaw. Biex inkun għedt kollox, naħseb li t-top man tagħna fl-IT f’dan il-proċess, mhux biss jien għandi fiduċja fih imma anke l-Kap tal-Oppożizzjoni. Jekk m’għandniex din il-fiduċja, allura nistqarru ċar u tond li m’għandniex din il-fiduċja. Il-ħażin mhuwiex li jitqajjem dan il-punt ta’ żbalji li dejqu lil ħafna nies. U sewwa għamlu l-ARMS u l-Prim Ministru li għamlu apoloġija minħabba li l-public interfacing li kien hemm kien ħażin u seta’ kien aħjar mill-bidu nett. Li hu ħażin huwa li nipprovaw nagħmlu gwadann politiku fejn m’għandux isir!
Nagħlaq b’dan l-appell. Jiena naħseb huwa żball li nipprovaw nisfruttaw problemi li huma essenzjalment tekniċi biex niggwadanjaw xi ħaġa politika. Imma minflok ejja nkunu serji u dak li għandna verament nirranġaw nirranġawh għall- ġid tal-poplu tagħna. L-iżbalji inevitabbilment isiru u jibqgħu jsiru, imma aħna qed naħdmu biex jiġri dak li qalet l-Onor. Pullicino, li jkollna sistema fl-aħħar ta’ dan l-eżerċizzju li tkun ta’
ġieħ lill-poplu Malti kollu. Grazzi. Mr Speaker.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki. L-Onor.
Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mr Speaker, jiena se mmur fuq il-mozzjoni u anke l-mod kif qed jiġi propost li tiġi mibdula min-naħa tal-
Gvern. Ejja naraw daqsxejn kif qed jintlaqtu n- nies b’mod dirett jew b’mod indirett u għal xiex ġibdet l-attenzjoni l-Oppożizzjoni permezz tal- mozzjoni tagħha. L-ewwel waħda hija li l-ARMS suppost kellha ddaħħal sistema li toħroġ bi preċiżjoni. Issa għandna ammissjoni min-naħa tal- Gvern li hemm average ta’ 5% f’ammont ta’
żbalji. Mela mhijiex qed toħroġ bi preċiżjoni u ma narax għaliex kien hemm oġġezzjoni li din il-parti tal-mozzjoni tinbidel.
It-tieni parti tal-mozzjoni tgħid li l-kontijiet kellhom joħorġu bi preċiżjoni kull xahrejn.
Għandna ammissjoni wkoll, u kulħadd jaf, li l- kontijiet mhumiex qegħdin joħroġu kull xahrejn.
Ejja naraw x’qegħdin ngħidu min-naħa tagħna.
Qed ngħidu wkoll li l-kontijiet kif qegħdin joħorġu qed iwasslu għal taħwid esġerat u żbalji li jkomplu jitfgħu piżijiet kbar fuq iċ-ċittadini.
Naħseb hawnhekk tajjeb li nagħmel parenteżi.
Ġiet aċċettata min-naħa tal-gvern li qed jintefgħu piżijiet fuq iċ-ċittadini imma min-naħa l-oħra huwa tajjeb li wieħed jgħid li jekk fuq il- complaints l-ARMS għandha idea ta’ fejn għandha l-problemi, wieħed kien jistenna li min- naħa tal-ARMS jaraw fejn huma l-problemi u jaraw li mhux ikollna sitwazzjoni fejn min jinduna bil-problema jmur u jirranġa l-kont tiegħu u min ma jindunax allura jħallas xorta! L-ARMS fl-ebda ħin lil dawn mhu qed jgħidulhom li dak il- kont fih l-iżbalji, irrevedewh u issa dak li jkun se jiġi rifondut ta’ dak li ħallas żejjed. Naħseb li hawnhekk tidħol il-kwestjoni ta’ serjetà. Din hija xi ħaġa li din in-naħa tal-Kamra qed tinnota biex l-affarijiet jiġu rettifikati.
Sur President, s’issa ma ssemma xejn dwar dawk li rrapportaw li l-benefiċċju għadhom ma rċevewhx. Nispera li din mhux xi problema oħra li qabżet! Fl-ewwel diskors li kellna min-naħa l- oħra ssemmew is-suġġetti kollha imma ma kellna assolutament l-ebda kumment dwar dan. Ħafna min-nies li qegħdin jistaqsu huwa: Dawk li ma rċevewx il-benefiċċju meta se jirċevuh? Hemm commitment? Dawn se jirċevuh għada, il-ġimgħa d-dieħla, ħmistax oħra, tliet ġimgħat oħra?
Naħseb li llum ikun xieraq li jkun hemm commitment anke mill-kelliema tal-Gvern dwar dawn il-persuni u dawn il-familji li għadhom ma rċevewx il-benefiċċju tal-enerġija. U hawn tajjeb li nagħmel parenteżi oħra li dawn is-sena d-dieħla mhux se jeħduhom, u dan ifisser €11-il miljun iktar dħul għall-Enemalta. Nispera li ma kienx xi żball fid-diskors tal-budget, imma din hija xi ħaġa li sfortunatament ma smajna xejn dwarha! Naħseb
tajjeb li naraw il-parti tal-mozzjoni dwar il-mod kif l-ARMS qed tmexxi l-affarijiet u r- rakkmandazzjoni li għandu jkun hemm investigazzjoni min-naħa tal-Awditur Ġenerali.
Fil-fatt dik il-parti nżammet min-naħa l-oħra.
Wieħed ma jistax ma jikkundannax ukoll l- inkonvenjent u n-nuqqas ta’ sensittività min-naħa tal-ARMS li ddeċidiet li tmur Ħal Luqa meta kellha uffiċċju l-Belt li huwa aċċessibbli għal kulħadd mid-diversi postijiet f’Malta. Għall-inqas qabel kont taqbad karozza tal-linja waħda, imma issa trid toqgħod tmur Ħal-Luqa u allura għal ħafna postijiet madwar Malta trid taqbad mill- inqas żewġ karozzi tal-linja. U lanqas biss wieħed qagħad iħabbel moħħu għal diversi persuni li jkollhom ċerta età li jindunaw bl-iżbalji li jkun hemm u jridu jmorru jivverifikaw. Dawn iridu joqogħdu sejrin min-naħa għall-oħra u rridu ngħidu li ħafna persuni li għandhom ċerta età, biex ma nsemmix dawk li huma iżgħar li għandhom problemi ta’ diżabilità, żgur għandhom problemi ta’ mobilità. Jekk se jsibu lil xi ħaddieħor tal-familja biex imur iwassalhom se jispiċċa li ħaddieħor se jkollu jew jitlef ġurnata xogħol, jekk ma jgħidulux ejja darb’oħra għax ikun hemm ħafna nies, u jerġa’ minflok ġurnata nkunu tlifna jumejn!
Sur President, ma nistax naċċetta minn din in- naħa tal-Kamra li l-mozzjoni tinbidel bil-mod kif ippropona l-Gvern fl-emenda, għall-inqas fuq dan il-punt. Ma nistgħux naċċettaw li ninjoraw kompletament din l-insensitività min-naħa tal- ARMS. Meta aħna qegħdin ngħidu li niddeploraw ċerti affarijiet bħall-fatt li l-uffiċċju tneħħa mill- Belt u tpoġġa Ħal-Luqa, aħna konna qegħdin inkunu sensittivi, imma l-gvern din tefagħha taħt it-tapit qisha ma teżistix. Din hija xi ħaġa reali, qiegħda hemmhekk, u hija waħda mit-tbatijiet ġodda li nħolqu għal diversi ċittadini Maltin u Għawdxin. Żgur din in-naħa tal-Kamra ma tistax taċċetta li din il-parti tal-mozzjoni titneħħa għax jekk inneħħu din ma nkunux qegħdin insemmu dak li qegħdin jgħidu n-nies, u mhux qegħdin nifhmu u nkunu sensittivi għal dak li qegħdin jgħaddu minnu n-nies. Jekk il-Gvern irid jagħlaq widnejh għal dak li qed jingħad, dik affari tiegħu, imma din in-naħa tal-Kamra tisma’, tivverifika, u wara li tivverifika l-affarijiet li qegħdin jiġru mbagħad tersaq ‘il quddiem biex tieħu l- azzjonijiet kollha li għandha tieħu.
Kien hemm parti oħra, it-tieni parti tal-mozzjoni, li naħseb hija importanti. Il-Ministru għamel
spjegazzjoni sħiħa fuqha u naħseb tajjeb li nagħmlu l-kummenti tagħna. Il-Ministru Austin Gatt qal li l-kuntratt u l-ftehim li għamlu fejn għandhom x’jaqsmu l-ismart meters saru kif kellhom isiru. Jekk l-affarijiet saru kollox kif suppost, ma nara l-ebda problema li l-Awditur jidħol u jagħmel l-evalwazzjonijiet kollha neċessarji, jara l-affarijiet jekk sarux sew u kif xieraq u jagħmel rapport lil din il-Kamra. Jekk l- affarijiet saru sew, għandu jkollna problema li niġu f’din il-Kamra b’rapport ta’ investigazzjoni li jkun għamel l-Awditur u niddiskutuh? Hemm xi problema fuq din? Ma nistax nifhem! Jekk jiena ma jkollix problema, jekk ma jkollix faħam miblul, jekk ma jkolli xejn x’naħbi, nagħti kollox ħalli wieħed jagħmel evalwazzjoni u jagħmel l- investigazzjonijiet kollha neċessarji u jersaq ‘il quddiem.
Ma jreġix li tiġi min-naħa tal-Gvern u għax il- Ministru f’dan il-Parlament tana fuq fuq x’diskussjonijiet kien hemm, ma’ min u kif saru l- affarijiet u nieqfu hemmhekk, mingħajr ma jkun hemm l-ebda investigazzjoni partikolari. Meta m’għandix x’naħbi npoġġi l-karti kollha imperrċin ħalli kulħadd ikun jista’ jara l-affarijiet.
Imma issa din drajnieha! Din tfakkarni f’tal- BWSC! M’għandniex x’naħbu, imma meta morna fil-Public Accounts Committee tant kellna x’naħbu li għamilna l-ostakli kollha ħalli d- diskussjoni ma ssirx u ħalli ma ntellgħux in-nies li kellhom jiġu investigati. Imma kollox sar tajjeb, għax fil-Kamra hekk qalulna! U għax hekk qal il- Ministru, minn din in-naħa tal-Kamra għandna npoġġu bilqiegħda u naċċettaw dak bħala bon fatt! Fir-realtà, fil-każ tal-BWSC l-istess ħaġa ntqalet, imma meta ġejna għas-si u n-no l- affarijiet ma mxewx b’dan il-mod. Ma mxejniex bl-iktar mod trasparenti u miftuħ.
Irrid ngħid li l-ċ-chairman tal-Public Accounts Committee (PAC) huwa min-naħa tal- Oppożizzjoni, imma mbagħad għandek erba’
membri min-naħa tal-gvern u tlieta min-naħa tal- Oppożizzjoni, jiġifieri dan il-kumitat ikollu jieqaf ma’ kull oġġezzjoni li tiġi min-naħa tal-Gvern. U l-problemi f’dan il-kumitat baqgħu jinqalgħu minkejja deċiżjonijiet li ħadt inti, Mr Speaker, dwar dan l-istess Public Accounts Committee.
Xorta nħolqu l-intoppi kollha u l-PAC kellu jagħmel investigazzjoni fuq ir-rapport tal-Awditur fejn intqal li kien hemm persuni identifikati mill- Awditur li ma rrispondewlux l-affarijiet. Kien sta għall-PAC li jipprova jsib ċerti risposti li lill- Awditur ma tawhomlux. Mela inutli jiġi l-Onor.
Austin Gatt jgħidilna li l-affarijiet kollha saru sew u m’għandniex għalfejn niddiskutu xejn u lanqas l-Awditur m’għandu għalfejn jidħol fihom għax kollox sar sewwa. Dan kien ġara fil-każ tal- BWSC u llum kellna ripetizzjoni fuq tal-ismart metering. Għalhekk din in-naħa tal-Kamra tkompli tinsisti fuq dan il-punt għax jekk ma kellux x’jaħbi, jekk l-affarijiet saru tajjeb, m’għandux ikun hemm problema li l-Awditur jinvestiga.
Niġi għat-tielet parti tal-emenda tan-naħa tal- Gvern. Għalfejn immorru l-PAC u mhux f’din il- Kamra? Biex nerġgħu naqgħu għall-istess storja, għall-istess xenati, għall-istess melodrama li kellna ftit tal-ġimgħat ilu f’dan il-kumitat!? L- Awditur joħroġ ir-rapport u jekk il-Gvern ma jogħġbux ir-rapport tal-Awditur jagħmel l- oġġezzjonijiet kollha biex dak ir-rapport ma jiġix diskuss fil-PAC. X’inhu l-biża’ tal-Gvern li r- rapport tal-Awditur jiġi diskuss f’din il-Kamra?
Ma naqbilx li l-PAC jiddiskuti r-rapport tal- ARMS Limited, qisna se naraw fejn se mmorru naħbu dan ir-rapport għax hemmhekk nistgħu nagħmlu l-intoppi kollha u d-diskussjoni qatt ma ssir. Il-logħba hawn qiegħda! Irridu naċċettaw li l- affarijiet saru tajjeb, f’din il-Kamra m’għandna għalfejn niddiskutu xejn, immorru niddiskutuhom fil-PAC biex jekk ma jogħġobniex ir-rapport tal- Awditur nagħmlu l-ostakli kollha ħalli ma jiġix diskuss! Jiena ngħid ħaġa waħda. Il-mozzjoni ta’
din in-naħa tal-Kamra tirrifletti dak li qed jgħid il- poplu Malti u Għawdxi. Min-naħa l-oħra n-naħa tal-Gvern qed tipprova mill-aħjar li tista’ li tibblokka l-weġgħat tal-poplu Malti u Għawdxi milli jkunu diskussi hawnhekk. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki. L-Onor.
Silvio Parnis.
ONOR. SILVIO PARNIS: Mr Speaker, illum ġejna b’din il-mozzjoni għax aħna nħossu għan- nies, għax għandna kuxjenza soċjali, għax nemmnu li n-nies għandhom jiġu l-ewwel u għax l-ewwel obbligu tagħna huwa lejn il-konsumatur.
Din il-mozzjoni tirrifletti biċċa mill-uġigħ li qed iħoss il-poplu, it-tbatijiet li qed jgħaddu minnhom il-familji, dawk fil-business, is-self-employed, il- middle class u l-koppji żgħażagħ li dejjem imbeżżgħin ma jafux kif se jispiċċa d-dħul tagħhom fl-aħħar tax-xahar. Il-Gvern mhux fl- interess tiegħu li jipproteġi lill-konsumatur. L- ikbar theddida għall-konsumatur huwa l-istess Gvern. Konferma oħra ta’ dan wieħed jista’ jsibha fil-budget li ppreżenta l-Gvern. Il-Gvern mhux
talli ma żiedx l-għajnuna lill-konsumaturi biex jiffaċċjaw il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li huma l- agħar miżura ta’ awsterità f’dawn l-aħħar 25 sena iżda talli neħħa wkoll il-€15-il miljun li ta s-sena li għaddiet f’għajnuna.
Quddiem din is-sitwazzjoni kemm l-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA) kif ukoll id- Dipartiment tal-Konsumaturi baqgħu siekta għal kollox. Bl-ikbar responsabbiltà ngħid li l-MRA mhux biss qed tkun rubber stamp għall-Gvern u għall-korporazzjonijiet imma qed tkun kompliċi wkoll. Wara li kien ippreżentat dan il-budget id- dubji u l-mistoqsijiet għall-konsumaturi komplew jikbru. Il-konsumaturi qegħdin jistaqsu: Għaliex f’pajjiżi oħra fiż-żona Euro li skont il-Prim Ministru ntlaqtu ferm agħar minn Malta l-kontijiet huma 30% orħos minn tagħna? Il-konsumaturi għandhom dritt ikunu informati u għandhom dritt jingħataw spjegazzjoni onesta, iżda sfortunatament dan il-gvern lanqas biss jaf fejn toqgħod l-onestà. Il-Gvern minflok iffaċċja dawn il-mistoqsijiet leġittimi spiċċa biex jinħeba wara d-daħka tas-seklu, l-kumpanija ARMS Limited!
Il-Gvern joqgħod sieket quddiem il-karba tal- konsumaturi u quddiem l-ineffiċjenza tal- kumpanija ARMS li llum għandha kap eżekuttiv b’kuntratt ta’ ħames snin b’salarju ta’ iktar minn
€65,000 fis-sena, bl-allowance u bil-performance bonus. Dan apparti li l-gvern qed jikkonsidra li għas-sena 2010 jagħti telephone b’xejn, insurance u karozza tal-kumpanija, kif diġà ta fl- 2009. Kieku l-konsumatur kien moqdi kien jimmeritah dan kollu, imma ma jimmeritahx għax illum għandek familji li ilhom ma jirċievu kont minn Novembru tas-sena 2009. Għandi każijiet ta’ familji fejn matul din il-ġimgħa rċevew f’envelope wieħed tliet kontijiet f’daqqa.
Għaddejtu martirju lin-nies fuq il-vouchers tad- dawl u l-ilma fejn hemm min għadu jistenna sal- lum! Dawn huma n-nies li jiftaħru li aħna kollox l-ewwel fl-Ewropa!
Sur President, qed ikollna każijiet ta’ kontijiet esaġerati u vouchers li jaslu wara l-kontijiet tad- dawl u l-ilma u meta jmorru jsarrfuhom jgħidulhom li skadew. Minkejja dan ġejna hawnhekk u għal tan-naħa l-oħra qisu mhu qed jiġri xejn! Qisu m’hemmx problemi jew qisna ġejna hawnhekk għax il-problemi bdew għax din il-kumpanija ARMS għadha kif bdiet u allura bilfors ikun hemm il-problemi! Hawnhekk għandek każijiet ta’ nies li jgħixu bil-benefiċċji soċjali. L-ARMS għandha tiċċekkja wkoll jekk
hemmx konsumaturi li minflok qegħdin iħallsu l- kera ta’ single phase qegħdin iħallsu kera ta’
three-phase. Nitlob li tinġibed l-attenzjoni għax kelli każi li persuna kienet qed tħallas fid-dar tagħha ta’ three phase u mhux ta’ single phase meta suppost familja tħallas ta’ single phase.
Inħalli f’idejn il-kumpanija ARMS biex tara dawn l-allegazzjonijiet li għandna. Il-kumpanija ARMS għandha tagħmel eżerċizzju bis-serjetà biex dawn l-iżbalji u iktar żbalji ma jibqgħux isiru b’riżultat li iktar familji Maltin u Għawdxin qegħdin ikomplu jħallsu kontijiet li ma jirriflettux dak li suppost għandhom iħallsu. Dan qed ngħidu mill- esperjenza li qed ikolli ma’ konsumaturi li qegħdin jilmentaw li qed iħallsu kont ta’ 3 phase meta suppost qegħdin iħallsu kont ta’ single phase. Dan huwa serq li m’għandux ikompli jsir.
Dan qed nġibu għall-attenzjoni għax kif għedt fil- bidu aħna jimpurtana min-nies, jimpurtana mill- konsumatur.
Sur President, x’inhi l-verità fuq min irid jibdel il- meter minn fuq persuna għal oħra? Kemm iridu jħallsu? Filwaqt li l-Ministru jgħid anke f’mistoqsijiet parlamentari li jridu jħallsu €4.66, il-kumpanija ARMS qed jitolbu ferm iktar.
Hawnhekk nitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga għax in-nies qed imorru u jgħidulhom li jridu jibdlu l-meter għax ir-raġel miet jew il-mara mietet. Skont mistoqsija parlamentari jridu jħallsu
€4.66, imma meta jmorru hemmhekk jgħidulhom mod ieħor. Meta tlabnieh sabiex jgħidilna kemm qed jitħallsu erba’ managers fil-kumpanija ARMS, il-Prim Ministru qalilna li m’għandux għalfejn iwieġeb din il-mistoqsija.
Naħseb li huwa fl-interess tal-poplu li nkunu nafu ċerti affarijiet. Jiena personali u naħseb anke l- Partit Laburista m’għandna xejn kontra l- impjegati li qegħdin hawnhekk, imma huwa fl- interess tagħna li niddefendu l-konsumatur. Eluf ta’ konsumaturi ntalbu biex iħallsu €12 ta’ ittra legali jekk ma jħallsux il-kontijiet fil-pront. Hija ġustizzja li jkollok ħaddiem li ilu ma jirċievi kont ma nafx kemm imbagħad tgħidlu li jekk ma jħallsux ikollu jħallas ta’ din l-ittra legali? Issa hawnhekk tajjeb ngħid li dawn l-ittri legali la kienu ffirmati u lanqas kienu ġejjin minn uffiċċju legali fi ħdan il-kumpanija ARMS Limited, u dan ifisser li l-kumpanija ARMS riedet tqarraq.
Hawnhekk għal darb’oħra se nitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Illum mhux jien qed ngħid dwar il-kontijiet tad-
dawl u l-ilma u dwar l-ineffiċjenza imma qed jitkellem il-poplu kollu. U mhux qed jitkellem il- poplu li jissimpatizza lejn il-Partit Laburista imma kulħadd, ‘il bogħod minn kull kulur politiku.
Meta l-konsumatur qed iħallas kontijiet għoljin tal-ARMS bil-barka tal-Gvern, l-ARMS kriet Gattard House fil-Blata l-Bajda għas-somma ta’
iktar minn €78,000 fis-sena meta għall-anzjani kienet iktar faċli għalihom li jmorru l-Belt. Meta l-konsumatur qed iħallas kontijiet għoljin, l- ARMS bil-barka tal-gvern iddeċidiet li tbiddel l- ismart meters mill-kumpanija IBM għas-somma ta’ €7 miljuni. Nerġa’ ngħid, m’għandi xejn kontra li jsir it-tibdil, imma meta l-poplu għaddej minn tant martirju u tbatijiet u minkejja li qegħdin ngħidu kriżi ekonomika u mhux kriżi ekonomika, taħseb li jagħmel sens li tkompli tonfoq! Għax fl- aħħar mill-aħħar min se jħallas għal dan kollu? Se jħallas il-poplu, qed iħallas il-konsumatur, qed tħallas inti, u naħseb li hemm bżonn li l-affarijiet nagħmluhom bil-mod u mhux bl-għaġġla, għax fl- aħħar mil-aħħar qed iħallas il-ħaddiem.
Aħna bħala partit mhux biss nikkritikaw dak li hu ta’ detriment għall-poplu Malti u Għawdxi iżda hawnhekk nirrikonoxxu wkoll it-tajjeb meta jsir u meta jkun rilevanti. Fil-fatt, jien informat li l- vouchers tas-Social Services għal dawk il-familji li jkunu bi dħul baxx se jibqgħu jingħataw. Din hija xi ħaġa pożittiva u aħna bħala Oppożizzjoni dak li huwa tajjeb ngħidu li huwa tajjeb, imma dak li huwa ħażin irridu ngħidu li huwa ħażin.
Quddiem dan kollu hemm bżonn li ssir xi ħaġa.
Aħna qegħdin hawnhekk mhux biex nikkritikaw biss imma qegħdin nitolbu li hemm bżonn li ssir xi ħaġa. Aħna ġejna hawnhekk mhux biex tkun ġurnata bħall-oħrajn. Imbilli ġejna hawnhekk għaddejna din il-mozzjoni u kollox jerġa’ jtir mar-riħ inkunu ġejna għalxejn u nkunu ħlejna l- ħin! Inkunu ġejna fl-4.00 p.m. biex indaħħku n- nies bina għax jekk l-affarijiet se jibqgħu hekk, stajna ma ġejna xejn hawnhekk. Ġejna hawnhekk biex tittieħed azzjoni u biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga dak li qegħdin inħossu li mhux sejjer kif suppost.
Ġejna hawnhekk biex l-affarijiet jinbidlu. Ġejna hawnhekk għax ma jistax ikun li nibqgħu fommna sieket għax jekk nagħmlu hekk ta’ warajna jisħtuna. Huwa ċar li aħna ma rridux inkunu kompliċi ma’ min qed jisraq lill-konsumatur għax dan huwa serq u tbatija għall-konsumatur.
Ma rridux inkunu kompliċi ma’ min qed iqarraq bil-konsumatur. Min ma jridx ikun kompliċi ma’
min ma jiddejjaq xejn li jonfoq il-miljuni li jkun
ħallas il-konsumatur! Aħna ma rridux inkunu kompliċi ma’ min qiegħed jerda’ mingħand il- konsumatur u mingħand il-ħaddiem għax aħna jimpurtana minn dawn in-nies għax aħna qegħdin f’dan il-Parlament biex nagħmlu d-differenza. U aħna ġejna f’dan il-Parlament b’din il-mozzjoni biex verament issir xi ħaġa għall-aħjar.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki. L-Onor.
Robert Arrigo.
ONOR. ROBERT ARRIGO: Mr Speaker, s’issa mid-diskussjoni li kellna naħseb li ż-żewġ naħat jaqblu li jrid jittejjeb is-servizz għall- konsumatur. Wieħed għandu japprezza li jekk l- investiment ta’ dawn il-miljuni jinġieb lura fi tliet snin minn dak li nkunu ffrankajna bħala ħela, allura dawn mhumiex flus mormijin. Mank kull investiment tista’ ġġibu wara tliet snin għax naħseb li kulħadd jibda jinvesti! Tan-naħa l-oħra jitkellmu wkoll qisu dawn l-iżbalji saru biss meta ġiet imwaqqfa l-ARMS u qisu li l-Enemalta u l- Water Services Corporation fl-antik qatt m’għamlu żball. Jiena ngħid li 5% ta’ żbalji waqt li tkun fil-proċess li tbiddel l-interfacing tal- computer mhuwiex xi ammont ta’ barra minn hawn. Huwa veru li kull żball se jeffettwa lil xi ħadd, imma żbalji jsiru dejjem.
Minflok wieħed jikkritika biss forsi jista’ jagħmel xi affarijiet li żgur aħna lkoll f’din il-Kamra niltaqgħu magħhom u jiġu jkellmuna n-nies fuqhom. Jekk hemm cheques li qegħdin joħorġu u qed ikunu mibgħuta lil nies forsi mejtin, jistgħu darba għal dejjem jibdew jinkitbu fuq in-nies li suppost inkitbu għalihom? Jekk hemm bdil fl- ismijiet tal-account holders, bħalma qal sieħbi l- Onor. Parnis, ejja nagħmluhom. Jekk jagħtini fastidju l-fatt li customer carer ma tiktibx l-isem tal-customer carer li se tirrispondini, ejja nibdew nagħmlu anke l-isem tal-customer carer. Jekk niddeċiedu li l-kontijiet joħorġu kull xahrejn, tliet xhur, erba’ xhur, ejja noħorġuhom fil-ħin! Dawn huma l-ilmenti li jkun hemm il-ħin kollu, u forsi jekk naqtgħu dawn l-affarijiet il-problema ssir ftit iżgħar. Nissuġġerixxi biex l-ARMS jaraw dawn l- affarijiet biex wieħed ma jkollux għalfejn imur hemmhekk tlieta, erba’ darbiet fuq l-istess ħaġa.
Rigward il-kontijiet estimate u actual ma nafx jekk iniex żbaljat, imma mill-kontijiet li nara meta jkollok l-estimate charge fuq 60 ġurnata għandek il-meter charge, u meta joħroġ l-actual forsi jkun fuq ħames xhur u sitt xhur, u dik il-meter charge se terġa’ ssibha. Dawn l-hekk imsejħin żbalji - ma
ngħidilhomx serq - jistgħu jinqatgħu jekk minn estimate nagħmluhom actual. F’dan l-aħħar xahar kien hemm titjib u nistqarr li kull darba li kelli complaint tan-nies dejjem inqdejt u allura ma nistax inkun negattiv fuq il-customer care. Jekk indaħħlu dawn l-ismart meters, apparti li ġġib lura l-investiment f’dak li tiffranka fi tliet snin, jinqatgħu wkoll il-kontijiet actual u estimate.
Sur President, xtaqt ngħid xi ħaġa dwar l-ismart meters. Jien informat li l-proċess tal-ismart meters jinqasam fi tnejn. L-ewwel nett jiġu stallati, u dan il-proċess jinsab għaddej bħalissa u qegħdin jiġu stallati madwar 245,000 smart meters madwar Malta u Għawdex. S’issa ġew stallati madwar 32,000 smart meter u l-oħrajn għandhom jiġu stallati sal-2012. Irridu napprezzaw u nifhmu l-ħtieġa ta’ dawn l-ismart meters għax għandek network monitoring, jiġifieri possibbiltà li timmaniġġja d-dawl. Rigward sospensjonijiet, illum il-Ministru Gatt tana spjegazzjoni li għandek żewġ fażijiet, l-ewwel ta’
twissija, imbagħad ta’ sospensjoni 100% tal- elettriku jekk tibqa’ ma tħallasx dak il-kont.
Imbagħad għandek proċess ieħor li tiġi stabbilita komunikazzjoni bejn l-ismart meters u ċ-central stations biex dawn jibdew jaqraw il-meters awtomatikament b’mod elettroniku u fuq bażi regolari. Wara prova fuq numru ta’ lokalitajiet, fix-xhur li ġejjin se tibda t-tieni fażi tal- implimentazzjoni tal-proċess marbut mal-ismart meters biex il-kontijiet ma jibqgħux joħorġu bbażati fuq stima imma l-ħlas ikun skont dak li jiġi ikkonsmat. Naħseb li din il-proċedura tneħħi l-problema tal-kontijiet actual u estimate, għalkemm żbalji dejjem se jibqgħu jsiru sakemm ikun hemm il-human element. Jiġifieri ma nippretendux u ngħidu li sitt xhur jew sena oħra dan se jkun proċess 100% ħieles mill-iżbalji.
F’din l-art din il-ħaġa għadni ma sibthiex, u jekk forsi xi ħadd ikun jaf fejn qiegħda l-perfezzjoni inkun obbligat jekk jgħidilna biha!
Sur President, huwa importanti li l-ARMS - u jien informat li hekk se jsir – tinforma lill-klijenti meta dan se jkollu l-meter reading li jkun awtomatiku u li dan ikun jista’ jinqara mill-klijent stess. Meta jibda jaħdem l-ismart meter dak li jkun ma jkollux bżonn il-meter reader, u kollox isir kif għandu jkun. Nissuġġerixi li l-ARMS ikollha section għall-hotels u għan-nies fil- kummerċ għax huma heavy consumers. Fejn għandek heavy consumer għandek iżjed ċans li se tiffranka d-dawl jew taqta’ l-ħela jew tista’
tinduna bil-ħela li għandek. Forsi wieħed jista’
jaħseb biex idaħħal sezzjoni għal dawn il-heavy consumers biex forsi naqtgħu biċċa mill- problema. Jekk il-problema taqsamha u ġġibha li tista’ timplimentaha u tħares lejn il-customer care b’mod iżjed oġġettiv, naħseb li wieħed jista’ jasal.
Wieħed irid jinnota li diġà twettaq proġett ta’
implimentazzjoni fuq skala żgħira li jkopri t- twaħħil ta’ madwar 5,000 meters f’żoni biex tkun tested l-infrastruttura. Huwa tajjeb li wieħed jimplimenta, tajjeb li wieħed jixtri, tajjeb li wieħed jinvesti, imma ovvjament trid tittestja l- infrastruttura. Min jaqleb minn computer għal ieħor jaf x’qed ngħid u wieħed irid japprezza li jekk hemm 250,000 meter madwar Malta wieħed irid japprezza x-xogħol. Il-5,000 meters li ġew stallati fuq din is-sistema fuq skala żgħira twaħħlu f’postijiet bħall-Mosta, Ibraġġ, l-Isla, l- Imdina, Valletta, Manikata, il-Gżira, Kirkop, l- Imtaħleb, Marsascala u Żebbuġ Għawdex. Hemm firxa ta’ nies, firxa ta’ postijiet biex wieħed jara l- infrastruttura jekk hux se treġix jew le.
Wieħed irid jaġġrezza li kellna infrastruttura u computer writing ta’ 30 sena jew 40 sena ilu magħrufa bħala MUMPS. Illum m’hawn ħadd jaf jaqrah jew jaf jipprogrammah ħlief forsi ftit anzjani li n-numru tagħhom beda jitbaxxa u allura jrid ikun hemm new language kif wieħed jikteb fil-computer. L-ewwel impatt ta’ dawn il-meters kien li iktar minn 90% nqraw fl-ewwel ġurnata, filwaqt li kien hemm 98% minnhom moqrijin darba fil-ġimgħa. Jiġifieri naħseb li dan l- eżerċizzju jrid isir 50 darba oħra. Jekk ir-riżultat tal-ittestjar ta’ din l-infrastruttura jkun aċċettabbli tista’ tkompli żżid iż-żoni biex jekk ikun hemm diffikultà f’xi żona partikolari minħabba xi problema f’xi computer din tingħata l-attenzjoni issa.
Id-deċiżjoni li jinbeda l-proċess ittieħdet f’Mejju ta’ din is-sena. Minħabba l-kapaċità limitata f’termini ta’ riżorsi umani biex jinstallaw l-ismart meters ħarġet tender biex jiġu ingaġġati riżorsi esterni biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-pjan, jiġifieri li l-ismart meters jitwaħħlu f’perijodu ta’
tliet snin. Dan huwa importanti għax naħseb li jgħaqqad id-diskorsi li smajna s’issa li permezz tal-ismart meters neliminaw il-problemi tal- estimates u l-actual u allura jkun hemm inqas żbalji. Bihom il-klijent ikun jista’ jiċċekkja l-kont u allura anke l-customer care tibda tiffunzjona aħjar. Dawn l-affarijiet jidhru żgħar imma huma importanti u jinkwetaw ħafna nies, għax jekk xi